Il-Prim Ministru m’għandux obbligu legali biex jiftaħ inkjesta pubblika. Iżda madanakollu, l-Istat għandu obbligu legali li jipproteġi u jippreserva l-ħajja u d-dinjità umana.
In-numru eċċessiv ta’ mwiet fuq siti ta’ kostruzzjoni jagħti lill-Għaqda Studenti tal-Liġi x’tifhem illi l-Istat qiegħed jonqos minn dan l-obbligu li jipproteġi. L-Istat huwa obbligat illi jieħu kull pass meħtieġ biex jassigura illi s-siti ta’ kostruzzjoni u l-industrija tal-bini jkunu xierqa għas-salvagwardjar tal-ħajja u d-dinjità tal-bniedem. Għaldaqstant, l-Għaqda Studenti tal-Liġi tappoġġja l-ftuħ ta’ inkjesta pubblika.
Sabiex il-gvern jibda jieħu dawk il-miżuri neċessarji biex iwaqqaf l-inċidenti fuq is-siti ta’ kostruzzjoni, hemm bżonn li jiġu identifikati n-nuqqasijiet amministrattivi min-naħa tal-ministeri, awtoritajiet pubbliċi, u dipartimenti tal-gvern. Dawn in-nuqqasijiet jistgħu jiġu ppubblikati u ppreżentati lill-gvern biss minn inkjesta pubblika. Dan qed jingħad fid-dawl tal-fatt illi minkejja li l-Għaqda Studenti tal-Liġi għandha fiduċja assoluta fl-inkjesta maġisterjali, dana ma jxxejjinx it-talba għall-inkjesta pubblika u waħda ma tippreġudikax lill-oħra.
L-Għaqda Studenti tal-Liġi tieħu din l-opportunità biex tfakkar illi, skont il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri, il-gvern eżekuttiv m’għandu l-ebda jedd jiddetta l-proċess tal-inkjesta maġisterjali. Dan jgħodd ukoll għall-fergħa leġislattiva tal-pajjiż, u b’hekk, l-Għaqda Studenti tal-Liġi tisħaq illi l-Parlament ġie mmilitat sabiex jippronunzja ruħu fuq il-proċess tal-inkjesta maġisterjali meta għaddiet mozzjoni biex tintefa’ pressjoni fuq il-maġistrat inkwirenti f’dan il-każ partikolari sabiex tiġi konkluża l-inkjesta. Atteġġjament bħal dan huwa inaċċettabbli u riflessjoni xejn sabiħa fuq il-qagħda tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna hekk kif kemm il-gvern, kif ukoll il-Kamra tad-Deputati, qegħdin jippruvaw jinfluwenzaw il-proċess ġudizzjarju. Ta’ min ifakkar ukoll illi l-proċess tal-inkjesta maġisterjali huwa wieħed fil-magħluq u b’hekk, il-kummenti ta’ pressjoni mhumiex biss kontra l-prinċipji tas-saltna tad-dritt u preġudikanti fuq proċess tant importanti għas-sejbien tal-ħtija kriminali, iżda huma wkoll infondati u bla ebda bażi ta’ raġuni hekk kif la l-Kabinett, kif ukoll xejn inqas il-Kamra tad-Deputati, mhuma informati fuq il-mertu tal-proċess u d-diffikultajiet jew problemi li jistgħu jeżistu fil-ġbir tal-provi.
Ingħaqdu magħna għada, nhar it-Tnejn 17 ta’ Lulju 2023, fit-8 ta’ filgħaxija għall-velja għal Jean Paul Sofia.